- Created by Shivali MEHROTRA, last updated on Oct 11, 2024 12 minute read
You are viewing an old version of this page. View the current version.
Compare with Current View Page History
« Previous Version 11 Next »
Gwida fil-qosor għall-proċeduri nnegozjati - sottomissjoni tal-offerti inizjali
(proċeduri nnegozjati u proċedura kompetittiva bi nnegozjar mingħajr il-pubblikazzjoni)
Il-punt tat-tluq
Merħba fl-eSubmission!
Bl- eSubmission , l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-proċeduri tal-akkwist tal-UE b’mod elettroniku billi jħejju sottomissjonijiet (offerti ui offerti riveduti) u jissottomettuhom elettronikament b’mod strutturat u sigur.
Dawn il-linji gwida japplikaw għas-sottomissjoni ta’ offerti inizjali fi proċeduri nnegozjati u fi proċedura kompetittiva bi nnegozjar mingħajr il-pubblikazzjoni . F’dawn il-proċeduri, il-kandidati mistiedna biss jistgħu jissottomettu offerta inizjali li l-awtorità kontraenti tista’ titlob li tiġi riveduta iżjed f’xi ċiklu sussegwenti tan-negozjati. Għal aktar informazzjoni dwar iċ-ċikli sussegwenti tan-negozjar, ara l-linji gwida għaċ-Ċiklu 2 / ċikli sussegwenti.
Bħala operatur ekonomiku, inti tista’:
- issawwar it-tweġiba tiegħek għal proċedura mnedija minn istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-UE
- tippreżentaha b’mod sigur,
- tara jew tkompli timla abbozz issejvjat,
- tħassar abbozz ta’ sottomissjoni
- tirċievi konferma tas-sottomissjoni (irċevuta tas-sottomissjoni)
- tirtira sottomissjoni qabel sal-iskadenza tas-sottomissjonijiet
- tirċievi konferma li l-espressjoni ta’ interess ġiet irtirata (irċevuta tal-irtirar)
Ħu ħsieb li taqra r-Rekwiżiti tas-Sistema
Tista’ ssibhom fuq il-faċċata tal-applikazzjoni tal-eSubmission u fit-taqsima tal-hemżiet fuq il-paġna tal- Partijiet .
Kif tista’ tikseb għajnuna teknika?
Jekk teħtieġ l-għajnuna, tista’ tikkuntattja lit-tim ta’ appoġġ tagħna bejn it-08:00 u t-20:00 CET/CEST.
ec-funding-tender-service-desk@ec.europa.eu
+32 (0) 229 71063
It-tim ta’ appoġġ jikkomunika bl-Ingliż biss.
Kif nista’ naċċessa l-eSubmission?
Dejjem se taċċessa l-eSubmission fil-kuntest ta’ proċedura tal-akkwist. Il-proċeduri tal-akkwist ippubblikati tkun tista’ ssibhom fuq il- Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti.
X’neħtieġ biex nuża l-eSubmission?
Biex tuża l-eSubmission u twieġeb sejħa għall-offerti ppubblikata fuq il-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti trid tkun irreġistrat(a) fis-servizz tal-awtentikazzjoni tal-utent tal-Kummissjoni Ewropea (l-EU Login). Biex tidentifika l-organizzazzjoni tiegħek fis-sottomissjoni elettronika, din trid tkun irreġistrata fir-reġistru tal-organizzazzjonijiet tal-Kummissjoni (ir-Reġistru tal-Parteċipanti) u jrid ikollha PIC (Kodiċi ta’ Identifikazzjoni tal-Parteċipanti). Għal aktar informazzjoni dwar il-PIC, ara hawn . Ir-reġistrazzjoni hija miftuħa mingħajr ħlas għall-organizzazzjonijiet kollha.
L-EU Login
L-EU Login huwa l-bieb għas-servizzi u/jew s-sistemi differenti tal-Kummissjoni Ewropea. Jekk m’għandekx EU Login, oħloq profil minn hawn.
Għal aktar informazzjoni, ara l- għajnuna tal-EU Login.
Il-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti
Il- Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti hu l-punt uniku tad-dħul (Żona Unika għall-Iskambju Elettroniku tad-Data) għall-parteċipanti u għall-esperti fil-programmi tal-finanzjament u tal-offerti li jitmexxew mill-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet, korpi u aġenziji oħra tal-UE.
Mill-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti, il-parteċipanti jistgħu:
isibu opportunitajiet fil-programmi tal-finanzjament jew fil-proċeduri tal-akkwist tal-UE
- jabbonaw għas-sejħiet għall-offerti
- jaqraw id-dokumenti tal-akkwist
- jagħmlu u jibagħtu mistoqsija
jirreġistraw fir-Reġistru tal-Parteċipanti
- jaċċessaw l-eSubmission
jaċċessaw l-irċevuti tas-sottomissjoni (il-konferma tas-sottomissjoni)
jaraw, jeditjaw jew iħassru l-abbozz tas-sottomissjonijiet
jirtiraw is-sottomissjonijiet u jaċċessaw l-irċevuta tal-irtirar (il-konferma tal-irtirar)
- jimmaniġġjaw ir-rwoli
Ir-Reġistru tal-Parteċipanti
Il-Kummissjoni stabbiliet reġistru online tal-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fis-sejħiet għall-offerti jew fil-proposti tal-UE, biex tapplika il-prinċipju ta’ “darba biss”: id-data relatata mal-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni tal-parteċipanti trid tiġi sottomessa darba biss. Wara r-reġistrazzjoni, kull organizzazzjoni tikseb Kodiċi ta’ Identifikazzjoni tal-Parteċipant (PIC) uniku. Biex issir taf kif tikseb PIC fir- Reġistru tal-Parteċipanti , żur din il- paġna.
Mur lura fit-tieni ċiklu tal-proċedura
Immaniġġja l-istediniet u s-sottomissjonijiet fil-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti
Fil-proċeduri nnegozjati jew fil-proċeduri kompetittivi bi nnegozjar mingħajr pubblikazzjoni, il-kandidati mistiedna biss jistgħu jissottomettu offerta.
Jekk tiġi mistieden tissottometti offerta, tirċievi:
- stedina bl-email, u
- notifika fil-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti.
Fl-istedina bl-email se tingħata link għat-taqsima L-Istediniet Tiegħi” fil-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti - trid tilloggja bl-EU Login tiegħek.
Jekk għad m’għandekx profil tal-EU Login illinkjat mal-indirizz tal-email użat mill-awtorità kontraenti għall-istedina, il-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti joħloqhulek awtomatikament. See detailed explanation here .
Ara l-istediniet
Fil-menù tan-navigazzjoni fuq ix-xellug, hemm l-istediniet fit-taqsima L-Istediniet Tiegħi. Fuq il-lemin, fuq il-lista tal-istediniet, hemm għodda tat-tiftix.
Ikklikkja fuq Agħżel Organizzazzjoni mill-menù Azzjoni għall-istedina li tasallek u mbagħad trid tagħżel l-organizzazzjoni indikata fl-istedina bl-emails bħala “Parteċipant”.
Se tinfetaħ pop-up b’żewġ alternattivi:
- L-organizzazzjonijiet tiegħi - tista’ tagħżel organizzazzjoni minn fost dawk li għandek rwol għalihom: rwol għall-organizzazzjoni (eż. awtoreġistrant, LEAR, LSIGN) jew għal proġett (sottomissjoni/stedina/kuntratt/għotja) . Jekk l-organizzazzjoni tiegħek għadha mhix irreġistrata, l-ewwel trid tirreġistraha fir-Reġistru tal-Parteċipanti biex tikseb PIC (Kodiċi ta’ Identifikazzjoni tal-Parteċipanti). Aqra aktar hawn. Wara li tiġi rreġistrata, tista’ tagħżel il-PIC maħluq ġdid.
- Organizzazzjoni oħra - tista’ tfittex fost l-organizzazzjonijiet irreġistrati fuq il-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti billi ddaħħal isem l-organizzazzjoni jew in-numru tal-PIC.
Id-dettalji u d-dokumenti tal-istediniet tkun tista’ tarahom biss ladarba tagħżel l-organizzazzjoni tiegħek.
Mil-link “Ara d-dettalji” tista’:
- tara d-dettalji tal-proċedura fit-taqsima
Informazzjoni Ġenerali, u tista’ tara l-informazzjoni relatata mal-proċedura, - taċċessa d-dokumenti ristretti tal-akkwist fit-taqsima
Dokumenti Ristretti u tista’ tara tara d-dokumenti tal-proċedura.
Jekk ikun hemm diversi verżjonijiet ta’ dokument, fuq l-iskrin tara l-aħħar verżjoni . Għall-verżjonijiet preċedenti, fittex il-verżjoni li tixtieq tara mill-menù. Tista’ wkoll tara t-traduzzjonijiet disponibbli (jekk ikun hemm). - Taċċessa t-taqsima Mistoqsijiet u Tweġibiet Ristretti.
Hawn tista’ tistaqsi mistoqsija dwar il-proċedura.
Jekk l-awtorità kontraenti tagħti t-tweġiba privatament, din tidher fit-taqsima Mistoqsijiet u Tweġibiet Tiegħi. Jekk it-tweġiba tingħata lill-kandidati kollha mistiedna għall-proċedura, din tidher taħt it-taqsima Mistoqsijiet u Tweġibiet Ristretti . Għal aktar informazzjoni ara Kif toħloq u tissottometti mistoqsija fil-Portal ghall-Finanzjament u għall-Offerti .
- tara d-dettalji tal-proċedura fit-taqsima
Is-sottomissjoni tista’ ssir biss mit-taqsima “L-istediniet Tiegħi”. L-offerti ma jistgħux isiru mill-paġna tad-dettalji tal-proċedura.
L-Istediniet Tiegħi
Għal kull stedina tista’ tara n-numru ta’ referenza tal-proċedura, l-istatus tal-istedina (riċevuta, konfermata), l-iskadenza, il-lott (jekk applikabbli), it-titlu tal-proċedura, it-tip ta’ proċedura, u l-pass.
Mill-menù Azzjoni tal-istedina/sottomissjoni, inti tista’ tagħmel azzjonijiet differenti skont l-istatus tal-istedina/sottomissjoni.
Għall-istediniet bi status Riċevuta:
- Ikkonferma l-Wasla: ikklikkja hawn biex tikkonferma li rċevejt l-istedina għas-sottomissjoni ta’ offerta. Din tieħdok fil-portal tal-eSubmission biex tissottometti l-offerta tiegħek.
- Immaniġġja r-Rwoli: se tkun tista’ tara u timmaniġġja l-aċċess għall-istedina tiegħek (iżżid/tneħħi l-persuni li jkunu jistgħu jaraw l-istedina u jissottomettu offerta).
- Ara d-Dettalji: hawn tista’ tara d-dettalji dwar il-proċedura(ara hawn fuq)).
Għall-istediniet bi status Ikkonfermata:
- Ibda Sottomissjoni Ġdida: ikklikkja biex tissottometti offerta ġdida.
- Immaniġġja r-Rwoli: se tkun tista’ tara u tmexxi l-aċċess għall-istediniet tiegħek (iżżid/tneħħi l-persuni li jkunu jistgħu jaraw l-istedina u s-sottomissjoni ta’ offerta).
- Ara d-Dettalji: hawn tista’ tara d-dettalji dwar il-proċedura (ara hawn fuq) ).
Jekk bdejt tħejji sottomissjoni jew diġà ssottomettejt waħda, ikollok il-link Sottomissjonijiet.
Mill-menù Azzjoni fuq il-lemin ta’ kull sottomissjoni tista’ tagħmel azzjonijiet differenti skont l-istatus tas-sottomissjoni.
Għas-sottomissjonijiet bi status Abbozz:
- Editja: l-eSubmission tiftaħ l-iskrin li kont fih meta ħriġt mill-applikazzjoni. Issa tista’ teditja s-sottomissjoni tiegħek fl-eSubmission.
- Ara: l-eSubmission tiftaħ l-iskrin li kont fih meta ħriġt mill-applikazzjoni. Ma tistax teditja s-sottomissjoni jekk tkun qed taraha fil-modalità ta’ qari biss.
- Ħassar: l-abbozz tas-sottomissjoni se jitħassar mill-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti.
Għas-sottomissjonijiet bi status Sottomessa:
- Ara l-Irċevuta: tara l-irċevuta tas-sottomissjoni.
- Irtira (disponibbli biss qabel tiskadi s-sottomissjoni): tagħti r-raġuni għall-irtirar tas-sottomissjoni u tikkonferma billi tikklikkja fuq Irtira. Malli tirtira sottomissjoni, la tkun tista’ taraha, teditjaha u lanqas terġa’ tissottomettiha.
Għas-sottomissjonijiet bi status Irtirata:
- Ara l-Irċevuta tal-Irtirar: tara l-irċevuta tal-irtirar.
Għas-sottomissjonijiet bi status Imħassra:
- Il-menù Azzjoni mhux disponibbli għall-offerti bl-istatus Imħassra. Ladarba l-abbozz ta’ offerta jitħassar, l-offerent ma jkunx jista’ jirkuprah.
Kif tħejji l-offerta tiegħek fl-eSubmission
Biex tkun tista’ tissottometti offerta, l-ewwel trid tikkonferma li waslitlek l-istedina għas-sottomissjoni ta’ offerta:
Il-proċedura tinsab fit-taqsima L-Istediniet Tiegħi fuq il-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti.
Fil-menù Azzjoni tal-proċedura, ikklikkja fuq Ikkonferma l-Wasla biex tikkonferma li rċevejt l-istedina. L-istatus tal-istedina tiegħek isir Konfermata.
Meta tikkonferma li rċevejt l-istedina, int tittieħed awtomatikament fl-eSubmission biex tibda tissottometti l-offerta tiegħek billi tikklikkja fuq Sottomissjoni Ġdida.
Jekk tippreferi tibda s-sottomissjoni tiegħek aktar tard:
Illoggja fil-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti.
Mur fuq L-Istediniet Tiegħi u sib il-proċedura.
Mill-menù Azzjoni tal-proċedura, ikklikkja fuq Ibda Sottomissjoni Ġdida. Imbagħad tittieħed fl-eSubmission.
Fl-eSubmission ikklikkja fuq Sottomissjoni Ġdida biex tibda sottomissjoni ġdida, jew fuq Kompli Abbozz biex tkompli timla abbozz ta’ sottomissjoni mibdija.
Kif tinnaviga fl-eSubmission
Meta tibda r-reġistrazzjoni tiegħek, fuq nett tal-iskrin se tfeġġ linja li turik il-progress. Din il-linja turi l-passi kollha li trid tgħaddi minnhom biex tissottometti l-offerta tiegħek. Turik ukoll f’liema pass tkun qiegħed dak il-ħin.
Waqt il-proċedura ta’ sottomissjoni, dejjem tista’ tiċċekkja liema huma d-dokumenti applowdjajt billi tagħżel Dokumenti tas-Sottomissjoni fuq ix-xellug tal-iskrin.
Modi kif tissottometti
Meta tibda sottomissjoni ġdida, se tintalab tindika:
- kif se tissottometti l-offerta tiegħek: Sottomissjoni unika jew Sottomissjoni konġunta,
- jekk is-sottomissjoni hix se tinvolvi sottokuntrattar,
- b’liema lingwa se ssir is-sottomissjoni.
Wara dawn l-għażliet, ikklikkja fuq Li jmiss fil-qiegħ tal-paġna.
Il-Partijiet
F’din it-taqsima trid tidentifika l-organizzazzjonijiet parteċipanti fis-sottomissjoni tiegħek (il-parteċipanti). Ikklikkja fuq Parti ġdida biex tagħżel it-tip ta’ parteċipant: il-parteċipant ewlieni (fil-każ ta’ sottomissjoni unika), il-mexxej tal-grupp jew membru tal-grupp (fil-każ ta’ sottomissjoni konġunta) u sottokuntrattur (jekk applikabbli).
Il-parteċipanti kollha, ħlief is-sottokuntratturi, iridu jiġu identifikati b’PIC – Kodiċi ta’ Identifikazzjoni tal-Parteċipanti. Biex tiċċekkja jekk l-entità diġà għandiex PIC (jiġifieri hix diġà rreġistrata fir-Reġistru tal-Parteċipanti), uża Fittex . Tista’ tfittex bil-PIC, bin-numru tal-VAT, bin-numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali u bil-pajjiż. Biex tfittex bin-numru tal-VAT jew bin-numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali, teħtieġ ukoll il-pajjiż.
Jekk ma jitla’ l-ebda riżultat, l-organizzazzjoni trid tirreġistra għal PIC. Meta jkollok il-PIC, erġa’ mur fl- eSubmission , fittex bil-PIC u agħżel l-organizzazzjoni li titla’.
Id-data assoċjata mal-PIC fir-Reġistru tal-Parteċipanti se tidher fuq l-iskrin and se tintalab tipprovdi d-data/dokumenti obbligatorji li ġejjin:
- għall-parteċipant ewlieni jew għall-mexxej tal-grupp:
- Persuna tal-Kuntatt (isem u indirizz tal-email)
- IBAN/Numru tal-kont bankarju
- għall-parteċipanti kollha: Dikjarazzjoni fuq l-Unur (mimlija u ffirmata kif dovut) fit-taqsima Hemżiet.
Biex tkun taf liema dokumenti jeħtieġlek tissottometti, ara l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti.
Fit-taqsima Persuna tal-Kuntatt, l-utent jista’ jindika ismu (l-isem jimtela bil-lest) jew isem persuna oħra bħala l-persuna tal-kuntatt għall-offerta. Il-Persuna tal-Kuntatt tirċievi r-rwol ta’ Primary Coordinator Contact ( PCoCo ) fil-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti u l-utent li jissottometti l-offerta (jekk differenti mill-Persuna tal-Kuntatt) – ir-rwol ta’ Coordinator Contact ( CoCo ).
Jekk il-PCoCo ma jkollux profil tal-EU Login, jinħoloq awtomatikament profil temporanju tal-EU Login abbażi tal-indirizz tal-email tal-Persuna tal-Kuntatt u l-persuna tiġi mistiedna bl-email biex timla r-reġistrazzjoni tal-EU Login. L-istedina se tirċeviha b’messaġġ awtomatiku mis-sistema mingħajr referenza għall-proċedura.
Fit-taqsima Hemżiet ta’ kull parteċipant, tista’ tapplowdja d-dokumenti tal-parteċipant relatati mal-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla. Biex tara liema dokumenti għal liema parteċipant iridu jiġu sottomessi, ara l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti.
Malli tlesti, ikklikkja fuq Lest .
|
Ikklikkja fuq Li jmiss biex tkompli.
Lottijiet
Fi proċedura b’diversi lottijiet, agħżel il-lottijiet li għalihom tixtieq tissottometti offerta, u mbagħad ikklikkja fuq Li jmiss .
Data tal-offerta
F’din it-taqsima trid iddaħħal l-ammont tal-offerta tiegħek (fil-każ biss tal-metodu tal-għoti tal-inqas kost jew tal-orħos prezz, ara li tuża l-istess format bħall-eżempju fuq l-iskrin) u/jew tikkonferma jekk l-offerta tiegħek tikkonformax jew le mar-rekwiżiti minimi speċifikati fid-dokumenti tal-akkwist.
Jekk tikkonferma li l-offerta tiegħek ma tikkonformax mar-rekwiżiti minimi se tintalab tipprovdi spjegazzjoni f’kaxxa apposta għall-kummenti. Il-konferma tal-konformità jew
tan-nonkonformità u l-ispjegazzjoni f’każ tan-nonkonformità jkunu jidhru fir-rapport tas-sottomissjoni.
Wara li tikklikkja fuq Issejvja tkun tista’ tapplowdja l-offerta finanzjarja u, jekk meħtieġ mill-awtorità kontraenti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta, l-offerta teknika. Tista’ tapplowdja aktar minn fajl wieħed bħala offerta teknika/finanzjarja.
Meta jkun jidhrilek li d-data tal-offerta hija korretta u s-sottomissjoni hija kompluta, ikklikkja fuq Li jmiss. Il-buttuna tkun attiva biss jekk tagħti d-data u d-dokumenti obbligatorji kollha.
|
Rapport tas-Sottomissjoni
Ir-rapport tas-sottomissjoni toħolqu s-sistema u hu parti mis-sottomissjoni. Ir-rapport jelenka d-dokumenti kollha inklużi fis-sottomissjoni.
L-eSubmission toħloq ir-rapport tas-sottomissjoni awtomatikament u żżidu mas-sottomissjoni tiegħek. Dak ir-rapport tista’ tarah fuq l-iskrin jew tniżżlu biex terfgħu (qabel ma tissottometti l-offerta). M’għandekx għalfejn tiffirma u tapplowdja r-rapport iffirmat fl-eSubmission.
Wara li tara r-rapport tas-sottomissjoni, jekk jidhirlek li s-sottomissjoni hija lesta u tajba biex tintbagħat, ikklikkja fuq Li jmiss.
|
Issottometti l-offerta tiegħek
Meta tkun lest biex tissottometti l-offerta tiegħek, ikklikkja fuq Issottometti . Is-sistema se turik messaġġ ta’ konferma.
Agħżel Iva jekk tixtieq tikkonferma: imbagħad dik is-sottomissjoni mhux se tkun tista’ timmodifikaha iżjed.
Innota li s-sistema mhux se tħallik tagħmel sottomissjonijiet jekk l-iskadenza tkun għaddiet.
u tintbagħat notifika bl-email fl-indirizz tal- PCoCo/CoCo. Din in-notifika bl-email ikollha link għall-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti biex il-PCoCo/CoCo isibu l-irċevuta tas-sottomissjoni. Is-sidien tal-PIC użati fis-sottomissjoni se jiġu infurmati.
|
---|
Immaniġġja r-Rwoli fil-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti
Il-profil tal-EU Login marbut mal-indirizz tal-email li lilu ntbagħtet l-istedina jirċievi r-rwol ta’ Primary Coordinator Contact (PCoCo) għall-istedina.
Minn “Immaniġġja r-Rwoli” (ara hawn taħt), il-PCoCo jista’ jżid persuni oħra mill-organizzazzjoni tiegħu bħala Coordinator Contact(s) (CoCo) għall-istedina
Il-Persuna tal-Kuntatt indikata fis-sottomissjoni tal-offerta tirċievi r-rwol ta’ PCoCo għas-sottomissjoni u l-istedina għaċ-ċikli sussegwenti. L-utent li jissottometti l-offerta (jekk ikun differenti mill-Persuna tal-Kuntatt fis-sottomissjoni) jirċievi r-rwol ta’ Coordinator Contact (CoCo) għas-sottomissjoni u l-istedina għaċ-ċikli sussegwenti, sakemm ir-rwol ma jkunx tneħħa mill-PCoCo jew CoCo ieħor tas-sottomissjoni f’xi ħin bejn il-ftuħ tal-offerta mill-awtorità kontraenti u l-wasla tal-istedina għal ċiklu jew ċikli sussegwenti.
L-azzjonijiet kollha deskritti hawn fuq (ara t-taqsima “L-istediniet Tiegħi” jistgħu jagħmluhom il-PCoCo jew il-CoCos tal-oġġett rispettiv (stedina jew sottomissjon). Innota li jista’ jkun hemm PCoCo wieħed biss għal kull stedina jew sottomissjoni.
Biex iżżid/tneħħi r-rwoli ta’ sottomissjoni, imxi mal-passi ta’ hawn taħt:
1 | Mill-menù Azzjoni fuq il-lemin tas-sottomissjoni tal-offerta inizjali, ikklikkja fuq Immaniġġja r-Rwoli. |
2 | Agħżel Editja r-Rwoli . |
3. | Biex iżżid CoCo ġdid, agħżel Żid Rwoli. |
4. | Biex tneħħi CoCo, ikklikkja fuq l-ikona tat-tħassir ħdejn l-isem. |
Il-CoCos miżjudin kif deskritt hawn fuq, wara li l-awtorità kontraenti tkun bagħtet stedina lill-offerent biex jissottometti offerta riveduta permezz tal-Portal, ma jkunux jistgħu jissottomettu l-offerta riveduta. Il-PCoCo/CoCos biss li rċevew l-istedina jew il-CoCos biss miżjuda mill-buttuna “Immaniġġja r-Rwoli” tal-istedina se jkunu jistgħu jissottomettu offerta riveduta (ara l-linji gwida għaċ-Ċiklu 2 / ċikli sussegwenti.
Immaniġġja n-notifiki fil-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti
In-Notifiki Tiegħi
Il-PCoCo/CoCo jistgħu jaċċessaw din il-paġna mill-qanpiena fuq il-lemin tal-iskrin wara li jilloggjaw fil-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti.
F’din il-paġna, il- PCoCo/CoCo isibu n-notifiki li ġejjin:
- Stedina għas-sottomissjoni ta’ offerta (riveduta)
- Tfakkira li qed toqrob xi skadenza tas-sottomissjoni għal proċedura
- L-użu tal-PIC tal-organizzazzjoni għal sottomissjoni
- Irċevuta tas-Sottomissjoni (konferma tas-sottomissjoni ta’ offerta)
- Irċevuta tal-Irtirar (konferma tal-irtirar ta’ offerta)
- Id-dokumenti jiġu aġġornati għal proċedura
- Il-Mistoqsijiet u Tweġibiet Ristretti jiġu ppubblikati
- Avviż jiġi ppubblikat mill-awtorità kontraenti
- Id-dettalji tal-proċedura jiġu aġġornati (l-iskadenza tal-offerta, it-titlu, id-deskrizzjoni, eċċ.)
Fit-tab Preferenzi taħt Immaniġġja n-notifiki kollha (fil-qiegħ tal-lista tan-notifiki) il-PCoCo/CoCo jistgħu jagħżlu l-frekwenza tan-notifiki bl-email mill-Portal għall-Finanzjamnet u għall-Offerti. Tkun xi tkun l-għażla tiegħek, in-notifiki tiegħek ikunu qegħdin ilkoll fit-taqsima In-Notifiki Tiegħi .
In-Notifiki Formali Tiegħi
Din it-taqsima, fil-menù tan-navigazzjoni fuq ix-xellug, bħalissa mhix qed tintuża għall-proċeduri tal-akkwist.
Għal gwida ta’ kif tissottometti offerta riveduta, mur fit- tieni ċiklu tal-proċedura
Il-gwida fil-qosor dwar il-proċeduri nnegozjati u proċeduri oħra tal-akkwist tista’ ssibha bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE fit-taqsima Gwidi fil-Qosor tal-eSubmission .
- No labels